Dahla  Attivitajiet  Ritratti  Storja  Memorabilja  Kuntatti

Kien lejn tmiem is-sena 1989 meta bdew isiru l-ewwel movimenti bl-iskop li titwaqqaf banda ġdida f’Birżebbuġa. Kien grupp ta’ żgħażagħ li kienu involuti sewwa fl-organizzazzjoni tal-festa, speċjalment fil-qasam tal-armar illi ħarġu b’din l-inizjattiva. Huma dejjem ħolmu li xi darba, f’Birżebbuġa tibda ssir festa aktar xierqa lill-patrun tal-parroċċa San Pietru, bħalma jsiru f’diversi bliet u rħula oħra. L-ewwel pass sar nhar il-5 ta’ Diċembru 1989 minn Alexander Caruana u Angelo Cutajar meta wara bosta tentattivi ħassew illi biex isir xi ħaġa ta’ ġid għall-festa, kien hemm il-bżonn urġenti li titwaqqaf banda ġdida. Dakinhar stess ingħaqdu magħhom Joseph Caruana, Jason Vella, Michael Muscat u Raymond Cutajar. Peress li dawn kienu kollha żgħażagħ, xtaqu li magħhom ikollhom persuna ta’esperjenza sabiex jiggwidahom, u avviċinaw lil Anthony Camilleri. Huwa avżahom li biex twaqqaf banda ġdida ġo Birżebbuġa ma kienx faċli, u ssuġġerielhom biex jibdew ifittxu l-membri.

Fl-14 ta' Diċembru 1989, f’post privat propjetà ta’ Anthony Camilleri u jinsab fi Triq San Ġużepp, saret l-ewwel laqgħa ta’ Kumitat Proviżorju. F’qasir żmien ġie fformulat statut, instab Surmast Direttur, u bdew isiru l-preparamenti u l-arranġamenti kollha meħtieġa biex issir l-ewwel Laqgħa Ġenerali.

Il-ġurnata storika u tant mistennija waslet. Kien nhar il-Ħadd 14 ta' Jannar 1990, meta fil-Lido Hall, fi Triq San Edwardu twaqqfet l-Għaqda Mużikali Birżebbuġa b’akklamazzjoni qawwija minn numru kbir ta' dilettanti li ppakkjaw il-Lido Hall. Dakinhar inħatar l-ewwel kumitat b’Anthony Camilleri President, Alexander Caruana Segretarju, Jason Vella Kaxxier u Emanuel Axiaq, Emanuel Mangion, Patrick Gabaretta, Raymond Abdilla, Angelo Cutajar, Raymond Cutajar, Joseph Caruana, Grazio Pullicino, Thaddeo Agius, Kevin Camilleri, Josef Farrugia u Joseph Pace bħala membri. Mro. Michael Bugelli, minn Ħaż-Żabbar inħatar bħala s-Surmast Direttur u Dun Charles Carabott sar id-Direttur Spiritwali. Però, peress li sadanittant kien sar xi tibdil fl-isem tal-banda l-oħra ta Birżebbuġa, inqalgħu xi intoppi biex jinħarġu l-permessi meħtieġa. Għalhekk, f’laqgħa Straordinarja li nżammet nhar id-29 t’April 1990, l-isem tal-banda l-ġdida ġie mibdul għal Soċjetà Filarmonika Birżebbuġa A.D. 1990. Madankollu, ix-xewqa tal-membri kienet illi s-soċjetà tissemma għall-patrun San Pietru, u għalhekk waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali li saret fil-każin il-ġdid fl-14 ta' Jannar 1996, b’vot unanimu l-isem inbidel għal Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D.1990, biex b’hekk, is-soċjetà rabtet darba għal dejjem il-patrun tagħha ma’ isimha.

Nerġgħu lura għall-ewwel jiem tal-banda, u nsibu li l-ewwel kumitat beda għaddej bit-tiftix ta’ post adekwat sabiex jiffunzjona bħala każin, liema post kellu jkun il-fond numru 77, Triq Birżebbuga fil-Bajja ta’ San Ġorġ, magħruf aktar bħala l-Morning Star. Numru ta’ voluntiera bdew jaħdmu immedjatament biex jirrinovaw dan il-post u x-xogħol tant mexxa li fil-11 ta’ Frar 1990 saret laqgħa għall-ġenituri ta’ dawk l-allievi li kienu interessati jibdew jitgħallmu l-mużika. Mill-għada stess, is-Surmast Direttur Mro. Michael Bugelli u l-Assistent Surmast Joe Vella bdew bit-tagħlim tal-mużika.

Il-laqgħa tal-allievi tal-11 ta Frar 1990 kienet l-ewwel pass biex tifforma l-banda. Bis-saħħa ta' numru ta’ benefatturi bdiet tinxtara l-istrumentatura. Mro. Michael Bugelli kiteb l-Innu tal-Banda Birżebbuġa u l-Innu Marċ Lill-Ġawhra tal-Iljuni. Dawn l-innijiet flimkien mal-Innu Popolari Lil San Pietru ta’ Mro. Carmelo Pace u diversi marċi oħrajn, ġew irrekordjati fuq cassette f’rekording storiku li sar fil-Lucky Hall nhar is-Sibt 19 ta’ Mejju 1990. Il-festa ta’ San Pietru bdiet toqrob ġmielha. Il-Bord Editorjali ħa ħsieb il-pubblikazzjoni tal-programm tal-festa li ngħata l-isem Minn Qalb l-Iljuni. Il-banda ħarġet ukoll l-ewwel bandisti tal-post tagħha. Dawn kienu Rocco Zahra, Spiridione Camilleri, Alex Caruana, Johan Polidano, Felicienne Paris, Eman Camilleri u Vincent Mifsud.

Waslet ukoll dik il-ġurnata li l-banda l-ġdida tagħmel l-ewwel dehra tagħha. Kien il-Ħamis 2 t’Awwissu 1990, it-Tieni Jum ta’ Tridu tal-Festa ta’ San Pietru, meta fit-8.00pm is-Soċjetà Filarmonika Birżebbuġa bdiet marċ minn Triq il-Borok. Il-marċ għadda minn diversi toroq sakemm il-banda daħlet f’Misraħ il-Knisja u baqgħet tiela’ sa fuq iz-zuntier, akkumpanjata minn folla kbira ta' partitarji.

Hemmhekk kien hemm jistennieha l-Kappillan Dun Ġużepp Farrugia li bierek il-banda. Wara, il-banda daqqet ghall-ewwel darba l-innu tagħha fil-pubbliku. F’dik il-festa l-banda daqqet ukoll il-Ġimgħa 3 ta’ Awwissu 1990, is-Sibt 4 ta’ Awwissu 1990, u l-Ħadd filgħodu sar għall-ewwel darba il-Marċ il-Kbir tal-Iljun. Is-sena ta’ wara, is-soċjetà reġgħet ħadet sehem bil-kbir fil-festa ta' San Pietru, fejn għall-ewwel darba sar ukoll programm mużikali fil-Bajja s-Sabiħa nhar is-Sibt 3 t’Awwissu 1991.

Sa mill-ewwel sena, il-kumitat inkoraġġixxa t-twaqqif ta’ diversi sotto kumitati biex bix-xogħol attribwit lilhom ikunu ta' għajnuna għall-Kumitat Eżekuttiv. L-ewwel sotto kumitat kien taż-żgħażagħ, illi twaqqaf nhar il-festa tal-Kattedra ta' San Pietru, fit-22 ta Frar 1990, Fis-sena 2000 is-Sotto Kumitat Żgħażagħ sar Sezzjoni Żgħażagħ Iljuni. Fil-25 ta’ Ġunju 1990 twaqqaf is-sotto kumitat nisa li fis-sena 2000 saru magħrufa bħala Sezzjoni Nisa Petrini. Fl-4 ta’Settembru 1990 ġie ffurmat is-Sotto Kumitat tan-Nar bl-iskop illi jieħu ħsieb il-ħruq tan-nar illi jkollna fil-festa ta’ San Pietru. Illum il-ġurnata nistgħu niftaħru li l-festa ħadet spinta ’l quddiem f’dak li jirrigwarda l-logħob tan-nar, speċjalment bl-ispettaklu tan-nar tal-art ta' Lejlet il-Festa. Fis-sena 2000 l-isem inbidel għal Kummissjoni Nar u fl-2004 l-isem sar Għaqda tan-Nar 22 ta’ Frar.

Wara l-festa tal-1990, il-kumitat għamel talba mal-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi sabiex il-banda l-ġdida tkun tista’ tuża wkoll l-istatwa ta’ San Pietru tal-Marċ tal-Ġimgħa, li hija propjetà tal-parroċċa. Wara diversi laqgħat li rriżultaw fin-negattiv, is-soċjetà ġiet imċaħħda għal dejjem milli tagħmel marċ fl-Aħħar Jum ta’ Tridu bl-istatwa ta’ San Pietru. Ma kienx fadal triq oħra ħlief li tiġi ordnata statwa ġdida ta’ San Pietru. Kien it-Tlieta 6 ta’ Novembru 1990, meta ġiet ordnata statwa ta’ San Pietru għand l-Iskultur famuż, il-Kavallier Alfred Camilleri Cauchi. Inħadem pedestall minn Alex Caruana u Joe Cutajar. L-istess persuni ħadmu wkoll il-bradella u l-kolonna sabiex fuqha tibda tittella’ l-istatwa. L-istatwa żżanżnet nhar il-Ġimgħa 2 t’Awwissu 1991, meta nġiebet bil-baħar minn Marsaxlokk akkumpanjata minn għadd ta’ dgħajjes u tniżżlet Wied il-Buni. Wara saret manifestazzjoni grandjuża mat-toroq tar-raħal, sakemm l-istatwa ttellgħet fuq il-kolonna li kienet armata fil-bidu ta’ Triq Żaren Dalli. Mil-festa tal-1995 bdiet tintuża kolonna oħra li nħadmet mill-aħwa Joe, Angelo u Ray Cutajar. Mill-1996 din bdiet tintrama fil-Bajja s-Sabiħa. Fl-1999 iżżanżnet bradella ġdida li nħadmet minn Mastru Ġużeppi Galea ta’ Ħal Luqa. Għall-festa tal-2003, l-istatwa ta' San Pietru ġiet indurata mill-Kav. Alfred Camilleri Cauchi, fejn saret ukoll alterazzjoni fl-id tal-istatwa.

Is-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuga A.D. 1990 għamlet diversi servizzi, kemm f’Birżebbuġa kif ukoll barra mir-raħal. Bla dubju, l-ikbar sehem dejjem ingħata fil-festa titulari ta’ San Pietru, fejn mill-1990, il-banda għamlet numru kbir ta’ servizzi. Barra minn hekk ġew mistiedna diversi baned. Il-Banda Birżebbuġa ġiet mistiedna biex tagħmel servizzi f’diversi lokalitajiet differenti, u dan juri li f’qasir żmien il-banda stabbiliet isimha f’pajjiżna. Saru numru ta' servizzi oħra f’Birżebbuġa f’okkażjonijiet u avvenimenti differenti. Fost dawn insemmu l-Programm Mużikali Annwali “Mill-Bandisti għall-Membri” li ilu jsir mill-1996. Is-soċjetà għamlet ukoll servizzi barra minn xtutna meta waqt żjara fit-Tuneżija saru servizzi mużikali fid-19, 20 u 21 ta' Marzu 2004.

Fl-okkażjoni tal-10 Anniversarju mit-twaqqif tas-soċjetà saru festi kbar. Il-qofol kien programm korali u strumentali li sar nhar is-Sibt 19 ta’ Frar 2000 fit-Teatru Sir Temi Zammit tal-Università. Dakinhar, il-banda, diretta minn Mro. Michael Bugelli daqqet ghall-ewwel darba l-Innu l-Kbir “Tu Es Petrus”.

Nhar is-Sibt 5 t’Awwissu 2000 iżżanżan planċier ġdid tal-banda li ġie regalat lis-soċjetà minn Ronnie Galea. Dakinhar ġie esegwit fuqu Programm Korali u Strumentali f’Misraħ il-Knisja, fejn għall-ewwel darba indaqq l-Innu l-Kbir “Tu Es Petrus” f’Birżebbuġa. Fis-sena 2009 dan il-planċier għadda minn restawr estensiv biex ikun jista’ jakkomoda aħjar lill-bandisti, lis-surmast u l-Kor Xmun Pietru, li twaqqaf f’Jannar tal-2006 taht id-direzzjoni ta’ Mro. Felicienne Paris B.Ed (Hons), L.Mus. T.C.L., A.Mus. L.C.M.

Kif qed naraw, is-soċjetà bdiet tikber b’ritmu tassew mgħaġġel, u kulma jmur bdiet tinħass il-ħtieġa ta’ każin akbar. Għalhekk, bl-approvazzjoni tal-membri, fl-1991 bdew il-proċeduri biex il-kumitat ifittex post li seta’ jservi bħala każin. Kien hemm diversi proposti iżda l-kumitat xeħet għajnejh fuq il-fond 11/12 Triq Birżebbuġa, it-triq prinċipali li mill-Bajja s-Sabiħa twasslek sa Misraħ il-Knisja. Wara ħafna xogħol u riċerki, intlaħaq ftehim ma’ sid il-post, u nhar is-16 ta’ Mejju 1992, sar il-konvenju. F’Laqgħa Ġenerali Straordinarja li nżammet nhar il-Ħadd 24 ta’ Mejju 1992, il-membri approvaw b’mod unanimu x-xiri tal-post u kollox ġie ffinalizzat nhar il-15 ta’ Settembru 1992 meta dakinhar ġie ffirmat il-kuntratt. Kif il-kumitat akkwista ċ-ċwievet tal-post bdew il-pjanijiet kif il-post seta’ jiġi alterat u rikostruwit biex jingħata statura ta’ każin tal-banda. Iżda nhar it-8 ta’ Novembru 1992 Sunny Bonnici (ta’ Farfar) u Peter Camilleri (il-Pajju), issuġġerew illi l-aħjar ħaġa kienet li l-post jinħatt kompletament u jiġi ppjanat mill-ġdid, u fil-fatt hekk ġie deċiż. Fil-kesħa ta' Diċembru 1992 il-post beda jinħatt. Kienu ġranet u ljieli ta’ sagriffiċċji kbar fl-eqqel tax-xitwa. Kif kien komplut it-twaqqigħ, nhar is-27 ta’ Marzu 1993 beda jinbena l-każin il-ġdid mill-pedamenti. Ix-xogħol sar taħt superviżjoni tal-Onorevoli Perit Karmenu Vella u l-Perit Michael Schembri, filwaqt illi x-xogħol tal-bini kien immexxi minn Sunny Bonnici, Peter Camilleri, Victor Schembri u Pietru Camilleri (is-Sigarr). Dawn ta' kuljum kienu jkunu megħjuna minn għadd ta' voluntiera, ħafna minnhom żgħażagħ. Il-kumitat ma waqafx hawn u fit-22 ta’ Novembru 1994 ġiet akkwistata biċċa propjetà oħra, ir-remissa li hemm biswit il-każin. Din ir-remissa tħallset kompletament f’Diċembru 1999. Iċ-ċwievet tar-remissa ġew mgħoddija lis-soċjetà nhar is-17 t’Awwissu 2004, u fil-Milied tal-2004 ttellgħet wirja ta' presepju mekkanizzat fir-remissa, wirja li baqgħet tittella’ kull Milied sussegwenti.

Meta kollox kien lest biex is-soċjetà tibdel is-Sede tagħha, nhar is-17 ta’ April 1996 is-soċjetà mxiet fil-każin il-ġdid li ngħata l-isem ta’ Ġawhra ta' San Pietru. Fit-2 ta’ Awwissu 1997 tqiegħdet simbolikament l-aħħar ġebla tal-każin mill-President Anthony Camilleri. L-għada, qabel il-marċ ta’ filgħodu, l-istess President tella’ għall-ewwel darba bandiera Maltija mal-arblu tal-każin. Fis-16 ta’ Settembru 1997 saru festi speċjali biex nikkommemoraw il-ġurnata li fiha l-każin sar propjetà tas-soċjetà u ġie kkonsagrat lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù u l-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.

Ix-xogħol fil-każin ma' waqaf qatt u fis-7 t’April 2000 tlesta t-tqegħid tal-granit fit-taraġ u sar poġġaman tal-ferrobattuto. Saru diversi xogħlijiet oħra ta’ tisbiħ bħal suffetti, purtieri u għamara. Ftit ġimgħat qabel il-festa tal-2002 twaħħal il-bieb prinċipali tal-każin, u nhar il-Ħadd 28 ta' Lulju 2002, il-President Simon Micallef tella’ għall-ewwel darba l-bandiera l-maġġura mal-arblu tal-każin. F’Ottubru 2003 nbidlu s-sitt bibien tal-faċċata. Dawn saru tal-eroko. Nhar il-Ħadd 25 ta' Lulju 2004, Sur Simon Micallef, il-President tas-Soċjetà, flimkien mal-President tas-Sezzjoni Żgħażagħ Iljuni Robert Baldacchino, inawguraw il-faċċata tal-każin wara li din ġiet dekorata bl-irħam u b’żewġ kolonni taż-żonqor, xogħol tal-marmista Ronnie Pisani. Din il-faċċata ġiet iffinanzjata mis-Sezzjoni Żgħażagħ iljuni. Din is-sena kienet ukoll l-ewwel sena li fiha bdiet tiġi ċċelebrata l-Ġimgha Mqaddsa fil-każin tagħna bl-għajnuna ta’ bosta voluntiera.

Pass iehor storiku seħħ nhar il-Ġimgħa 30 ta’ Lulju 2004, meta l-uffiċjali tal-każin li kienu jokkupaw il-kariga dak iż-żmien, Simon Micallef President, Johan Briffa Segretarju u Walter Pace Kaxxier, għamlu l-konvenju li permezz tiegħu s-soċjetà akkwistat l-ispiżerija ta’ maġenb il-każin.

Is-sena 2005 rat lis-soċjetà tikseb suċċessi fejn jidħol it-tiżjin tal-Milied – it-tieni post minn Malta kollha fil-kompetizzjoni tal-presepji kif ukoll għat-tiżjin tat-triq. Il-banda wkoll kellha sena ta’ suċċess għaliex rebħet il-Gara Mużikali tas-sena 2005, bil-ħila u l-kapaċità tal-bandisti tal-post – ħolma oħra li saret realtà wara ħafna snin ta’ ħidma. Dan is-suċċess ġie ċċelebrat bi programm mużikali fit-22 ta’ Frar tas-sena ta’ wara, fis-sala tal-Iskola Primarja ta’ Birżebbuga, u għalih attendew il-Kumitat Amministrattiv tal-Malta Band Association kif ukoll għaqdiet oħra mir-raħal u minn irħula oħra.

Fil-Laqgħa Ġenerali tat-18 ta’ Settembru 2005, il-maġġoranza tal-membri qablu li jitkomplew in-negozjati biex tinxtara l-propjetà biswit il-każin. Fi Frar 2006 tlestew il-pjanti tal-każin biex tiġi sottomessa l-applikazzjoni lill-MEPA biex nirregolarizzaw il-propjetà tas-soċjetà. U fl-aħħar wasal is-26 ta’ Mejju; u s-soċjetà uffiċjalment akkwistat l-ispiżerija. Twaqqfet l-iskema Tkabbir tal-Każin bl-għan illi l-membri joffru għajnuna finanzjarja fit-tkabbir tal-każin.

Imbagħad fis-sena 2006 bdiet inizjattiva oħra meta s-Soċjetà tagħna bdiet tieħu ħsieb illi torganizza attività fi żmien il-Karnival sabiex ir-raħal kollu jiċċelebra din l-okkażjoni. Sar daqq ta’ marċi Karnivaleski minn ħdejn il-venda sa ħdejn il-każin. Imbagħad ittellgħet serata ta’ żfin u divertiment. Għall-Ġimgħa 6 ta’ Awwissu ta’ dik is-sena, għall-ewwel darba, l-Għaqda tan-Nar 22 ta’ Frar ħadet ħsieb li tipprepara spettaklu sabiħ ta’ nar bl-isem is-Sema mimlija bil-Kuluri, bl-għajnuna ta’ Godfrey Zammit il-Lupsi, spettaklu li ttella’ minn fuq il-Bajja s-Sabiħa dakinhar illi San Pietru nġieb minn fuq il-baħar. L-aħwa Anġlu u Raymond Cutajar ħadu ħsieb illi jlestu u jippreparaw il-kolonna li fuqha tintrama l-istatwa artistika ta’ San Pietru li tiġi armata quddiem l-għassa tar-raħal.

Din is-sena rat progress kbir fejn tidħol il-komunikazzjoni. F’din is-sena l-Bord Editorjali beda jieħu ħsieb li jippubblika newsletter bl-għan illi jżomm lill-Birżebbugin infurmati b’dak li kien qed jiġri fis-soċjetà, pubblikazzjoni li niżlet tajjeb ħafna man-nies tal-lokal. Dan ovvjament minbarra l-publikazzjonijiet li l-Bord joħroġ ta’ kull sena, bħalma huma l-kalendarju u l-ktieb tal-festa.

Fis-sena 2007, l-E.T Mons. Arċisqof Patri Pawl Cremona OP għoġbu jagħmel żjara fis-sede tagħna, żjara li saret fis-27 ta’ Lulju, 2007. Bosta persuni mimlija entużjażmu ħarġu jilqgħu lill-Arċisqof fit-toroq ta’ Birżebbuġa.

L-2008 rat proċċess ta’ manutenzjoni fit-tielet sular tal-każin. Intrama arkivju temporanju fis-sala tal-kunċerti biex b’hekk il-mużika issa hija kollha merfugħa fis-sede tagħna. Intramat b’għamara moderna wkoll il-kamra tas-Segretarju. Din is-sena wkoll inħasset il-ħtieġa li jinbidel l-arblu l-maġġur u għalhekk bdiet ħidma fuq l-arblu l-ġdid, arblu li ġie ffinanzjat mill-Onor. Dr. Marlene Pullicino. Nhar il-Ħadd 20 ta’ Lulju 2008 dan l-arblu sab postu fuq il-bejt tas-soċjetà fost ħafna ċapċip u entużjażmu mill-partitarji.

Is-sena 2009 hija mmarkata mill-anniversarju tal-miġja tal-vara ta’ San Pietru f’Malta. Anniversarju li ngħata l-prominenza li jixraqlu, b’ħafna sorpriżi għall-festa ta’ dik is-sena, fosthom innu ġdid. B’hekk, minbarra l-Innu Popolari tas-surmast Carmelo Pace, is-soċjetà issa se jkollha innu Petrin ieħor kollu kemm hu tagħha, l-innu “Inħobbuk Bħalma Niesna Ħabbewk”; b’mużika ta’ Mro. Raymond Sciberras F.L.C.M. u versi tal-Professur Oliver Friggieri. Min-naħa l-oħra din is-sena saru wkoll alterazzjonijiet sinifikanti fil-planċier, biex issa sar iktar denju ta’ soċjetà li qiegħda dejjem tikber. Apparti dan l-innu, Alexander Caruana kiteb l-innu “San Pietru fil-Glorja” għal tenurm sopran u kor. Dan l-innu jindaqq kważi kull sena fl-għeluq tal-kunċert annwali tal-festa.

Waqt il-festa 2009, is-Segretarju Roderick Cachia kien wera x-xewqa ma’ Alexander Caruana biex jara hux possibbli li l-Banda Birżebbuġa, f’għeluq l-20 sena tagħha tmur iddoqq il-Vatikan u Ruma. Mill-ewwel, Alexander Caruana beda jaħdem fuq din il-ħolma. Minkejja li kienet ħolma diffiċli, nhar il-5 ta’ April 2010, il-banda flimkien mal-kumitat u bosta membri u partitarji telqu lejn Ruma. Dakinhar stess, il-banda daqqet programm mużikali fi Piazza Mignanelli. L-għada filgħodu saret quddiesa fil-Cappella del Coro fil-Bażilika ta’ San Pietru. Iċ-ċelebrant tal-quddiesa kien Dun Patrick Incorvaja, saċerdot li hu minn Birżebbuġa imma jaħdem fil-Vatikan. Matul din il-quddiesa ħa sehem il-kor “Xmun Pietru”, u filgħaxija l-banda u l-kor ħadu sehem f’akkademja fil-Bażilika San Pietro in Vincoli. Matul din l-akkademja sar ġemellaġġ bejn is-soċjetà u l-istess bażilika, ġemellaġġ illi anke bil-kuntatti li baqa’ jagħmel Alexander Caruana, wassal sabiex fis-sena 2012, l-istess bażilika rregalat kopja tal-ktajjen ta’ San Pietru lill-parroċċa ta’ Biżebbuġa. L-urna bil-kopja tal-ktajjen tinstab f’post prominenti fil-knisja parrokkjali.

LErbgħa 7 ta’ April, il-banda u l kor ħadu sehem fl Udjenza Ġenerali mal-Papa Benedittu XVI fi Piazza San Pietro.Kien bla dubju mument li ma jintesa qatt meta l-Papa għadda eżatt minn ħdejn il-banda u sellmilna. Barra minn hekk, mumenti li ma jintesew qatt huma l-eżekuzzjoni tal-innijiet Petrini fil-Belt Eterna ta’ Ruma, belt marbuta intrinsikament mal-patrun tagħna San Pietru Appostlu.

Fis sena 2011 bdew pjanijiet biex tiġi restawrata s-sala prinċipali, proġett li beda jitmexxa mill-President Jason Vella. Dan ix-xogħol sar bejn l-2012 u l-2013 u tlesta minn kollox fis-sena 2014.

Is-sena 2013 ukoll tibqa’ mfakkra għaċ-Ċentinarju tal-Parroċċa. Fost is-servizzi li l-Banda Birżebbuġa għamlet matul dik is-sena wieħed isemmi l-massed band f’Jum iċ-Ċentinarju, nhar it-Tnejn 9 ta’ Settembru, kif ukoll nhar il-Ħadd 15 ta’ Settembru, festa liturġika ta’ Marija Addolorata, li kienet il-patruna ta’ Birżebbuġa bejn l-1913 u l-1936. F’dan il-jum, il-Banda Birżebbuġa akkumpanjat il-pellegrinaġġ bl-istatwa ta’ Marija Addolorata li ħareġ mill-knisja parrokkjali u mat-triq waqaf ukoll quddiem il-knisja l-antika tad-Duluri li tinsab fi Triq il-Knisja. Barra minn hekk, il-Banda Birżebbuġa ħadet sehem ukoll f’akkademja li saret fil-knisja parrokkjali flimkien mal-Banda San Pietru fil-Ktajjen u l-kor tal-parroċċa. L-akkademja kienet taħt il-patroċinju tal-E.T. Dr George Abela, il-President ta’ Malta. Ta’ min isemmi li f’din is-sena speċjali kien inkiteb innu ieħor ad unur san Pietru; “Sliem Għalik Għażiż San Pietru” b’kompożizzjoni tas-surmast direttur Michael Bugelli u versi ta’ Alexander Caruana.

Fl-istess sena, Jason Vella ma reġax ikkontesta iktar għall-kariga ta’ President u laħaq Emanuel Zammit. Huwa rreżenja fil-bidu ta’ Marzu 2014, u f’Laqgħa Ġenerali Straordinarja, il-membri ħatru lil Alexander Caruana bħala l-ħames president tas-soċjetà.

Taħt it-tmexxija tal-President il-ġdid bdew il-pjanijiet sabiex jiġi ċċelebrat il-Ġublew tal-Fidda mit-twaqqif tas-soċjetà li kien se jseħħ fl-2015. Tlestiet is-sala prinċipali tal-każin, illi fuq xewqa ta’ Alexander Caruana ssemmiet għall-ewwel President tas-soċjetà Anthony Camilleri. Inħatret ukoll kummissjoni sabiex tgħin lill-kumitat fl-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-attivitajiet tal-anniversarju. L-inawgurazzjoni tal-proġett tas-sala kien sar fl-14 ta’ Diċembru 2014. Imbagħad fl-14 ta’ Jannar, eżattament 25 sena wara t-twaqqif uffiċjali tas-soċjetà, saret Quddiesa Solenni fil-knisja parrokkjali. Iċċelebra l-quddiesa l-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. li fiha ħa sehem il-kor Xmun Pietru u l-Banda Birżebbuġa. Wara, l-istess Arċisqof kixef u bierek lapida bl-ismijiet tal fundaturi tas-soċjetà.

Fl-24 ta’ Frar, il-Banda Birżebbuġa għamlet akkademja fil-knisja parrokkjali taħt il-patroċinju ta ET Marie Louise Coleiro Preca, il-President ta’ Malta li wara kixfet lapida kommemorattiva fil-każin. F’din il-lapida hemm ukoll il-logo tal-25 sena li ġie ddisinjat minn Jeremy Cachia. F’din l-akkademja ndaqqu bosta xogħlijiet b’tema Petrina u sagra, fosthom l-innu l-kbir “Tu es Petrus” u cantata ġdida ad unur San Pietru bl-isem “Petrus Princeps Apostolorum”, xogħol ta’ Alexander Caruana.

Fl-istess sena wkoll ġie inawgurat l-armar tal-faċċata tal-każin mill-Kummissjoni Armar u l-bandalora tar-rakkmu maħduma minn George Cassar b’pittura ta’ Mario Baldacchino fuq disinn ta’ Alexander Caruana. Dan il-proġett tħallas mis-Sezzjoni Żgħażagħ Iljuni.

Iżda waqt illi kien għaddej dan kollu, il-President kien qed jaħdem fuq ħolma oħra li kienet ilha mixtieqa imma dejjem dehret impossibbli: dik li s-soċjetà tixtri propjetà oħra u tidħol fil-pjazza. Fil-fatt kien f’Awwissu 2014 meta s-Segretarju Henry Bonnici wera x-xewqa mal-President biex jara x’jista’ jsir ħalli din il-ħolma ssir realtà. Ma kinitx xi ħaġa faċli, speċjlament minħabba li s-soċjetà kienet għadha qed tħallas is-self tal-ispiżerija u kellha ħafna spejjeż relatati mal-anniversarju, imma d-determinazzjoni tal-uffiċċjali bl-appoġġ tal-Kumitat Eżekuttiv wasslet sabiex f’Mejju ġie ffirmat l-Att tal-Konvenju quddiem in-nutar Marilyn Sultana minn Birżebbuġa. In-nutar Sultana kienet attiva għal xi żmien ukoll fis-soċjetà. Ġimgħa qabel il-festa titulari tal-2015, issejħet Laqgħa Ġenerali Straordinarja, bil-President iħabbar dan il-proġett quddiem sala ppakkjata bil-membri ħerqana li jkomplu jaraw lis-soċjetà tissokta tkabbar l-operat tagħha. Fl-istess laqgħa, il-membri qablu li jħallu f’idejn il-kumitat biex ikompli jaħdem fuq dan il-proġett u meta jkollu iktar dettalji ssir Laqgħa Ġenerali Straordinarja oħra, laqgħa li saret f’Jannar 2016 bil-membri jaqblu b’mod unanimu li jinxtara l-post 29 Misraħ il-Knisja, Birżebbuġa. F’Mejju 2016 ġie ffirmat il-kuntratt, u b’hekk is-soċjetà issa kienet xtrat ir-raba’ propjetà tagħha. Fl-istess żmien, il-perit Michael Schembri u Jason Vella bdew bil-pjanti u saret l-applikazzjoni fl-Awtorità tal-Ippjanar biex isir proġett kbir ta’ rikostruzzjoni li jgħaqqad il-post tal-pjazza mal-kumplament tal-każin, xogħol illi tlesta sa Lulju 2017, u fl-1 ta’ Awwissu 2017 ġiet inawgurata l-estensjoni tal-każin mill-Prim Ministru ta’ Malta Dr Joseph Muscat u l-President tas-soċjetà Alexander Caruana. Peress illi kien żmien il-festa titulari, il-Kummissjoni Armar Estern fi ħdan is-soċjetà ħadet ħsieb ukoll tagħmel armar ġdid għall-faċċata tal-pjazza wkoll.

Ta min isemmi wkoll illi f’April, wara ħafna snin ta’ attentati li dejjem irriżultaw fin-negattiv, il-Kurja Arċiveskovili ħalliet lis-soċjetà toħroġ l-istatwa ta’ Kristu Irxoxt li kienet inħadmet mill-artist Alfrecd Camilleri Cauchi fl-1999. Din id-dimostrazzjoni, illi qed tkun dejjem iktar imfittxija mill-poplu ta’ Birżebbuġa u d-dilettanti tal-Ġimgħa Mqaddsa f’pajjiżna, toħroġ akkumpanjata mill-Banda Birżebbuġa f’Jum l-Għid il-Kbir, filgħaxija.

Ix-xogħol ta’ tisbiħ baqa’ għaddej u kien hemm għajnuna kbira minn ħafna fondi, kemm tal-Gvern kif ukoll tal-Ewropa. B’hekk setgħu fi żmien qasir isiru wkoll bosta proġetti bħal-lift, it-taraġ il-ġdid bil-poġġaman, bibien u twieqi, madum u l-bqija.

F’Ottubru 2016 il-Banda Birżebbuġa għamlet it-tiele ġita tagħha, din id-darba f’Riposto, fi Sqallija fejn sar ġemellaġġ mal-banda tal-istess post li wkoll jiċċelebra l-festa ta’ San Pietru Appostlu.

Fis-sena 2017, apparti l-inawgurazzjoni tal-estensjoni tal-każin, konna qed niċċelebraw – skont it-tradizzjoni - l-anniversarju mill-Martirju u d-Dħul Glorjuż fil-Ġenna tal-patrun tagħna San Pietru Appostlu. Għalhekk, il-Banda Birżebbuġa kienet ħadet sehem mal-Banda San Pietru fil-Ktajjen fil-festi speċjali li kienu saru fl-Imnarja tal-istess sena. Nhar id-29 ta’ Ġunju filgħodu, kien sar pellegrinaġġ bl-istatwa l-antika ta’ San Pietru Appostlu. Dan il-pellegrinaġġ, minbarra li ċċelebra l-1950 sena mill-Martirju tal-Prinċep tal-Appostli San Pietru, iċċelebra wkoll it-80 sena minn meta f’Birżebbuġa ġiet iċċelebrata għall-ewwel darba l-festa ta’ San Pietru bħala l-festa titulari kif ukoll is-70 sena mill-miġja tal-istatwa ta’ San Pietru, magħrufa mal-poplu ta’ Birżebbuġa bħala “San Pietru ż-Żgħir”. F’din is-sena wkoll, il-vara titulari ta’ San Pietru Appostlu kienet qed tiġi restawrata mill-Kavallier Alfred Camilleri Cauchi u ibnu Aaron. Nhar it-Tnejn 31 ta’ Lulju, tradizzjonalment Jum il-Ħruġ tal-Vara min-Niċċa, il-Banda Birżebbuġa flimkien mal-Banda San Pietru laqgħet l-istatwa ta’ San Pietru Appostlu lura f’Birżebbuġa u akkumpanjat l-istatwa titulari minn ħdejn il-moll ta’ San Ġorġ għal madwar it-toroq prinċipali ta’ Birżebbuġa sakemm tbierket mill-Arċisqof Charles J. Scicluna qabel iddaħħlet lura fil-knisja parrokkjali. Għal dawn l-okkażjonijiet kollha, Josef Schembri kien ikkummissjona innu ieħor bl-isem “Baħar ta’ Fidi”. Dan l-innu, b’lirika ta’ Sebastian Saliba sar b’kompożizzjoni tal-Professur Joseph Vella li ħalla din id-dinja fil-25 ta Frar tas-sena ta’ wara.

Lejn l-aħħar tas-sena 2017 kienet ġiet aċċettata applikazzjoni mal-Kunsill Malti għall-arti sabiex il-banda tagħmel programm fil-Katidral Metropolitan tal-Imdina fejn kellna ndoqqu l-mużika “The Archangels” ta’ Franco Cesarini. Din hija silta mużikali kumplessa ħafna li kienet għadha ma ndaqqitx minn xi banda Maltija. Il-programm sar fl-24 ta’ Frar 2018 u kien suċċess kbir. F’din l-istess okkażjoni żżanżan ukoll Omaggio lis-Soċjetà Filarmonika San Pietru, kompożizzjoni tal-President Alexander Caruana.

Nhar is-17 ta’ Mejju 2019, il-Banda Birżebbuġa, dejjem diretta mis-Surmast Michael Bugelli għamlet programm ieħor memorabbli, din id darba fil-Pro Katicral Anglikan ta’ San Pawl, il-Belt Valletta. Fost l-oħrajn, f’dan il-kunċert ġiet esegwita l-Overture “Romeo and Juliet” ta’ Peter Illich Tchaikovsky. F’din l-okkażjoni żżanżan sett timpani professjonali ġdid. Flimkien mal-Banda Birżebbuġa ħadet sehem is-soprano Ruth Sammut Casingena li kantat għall-ewwel darba l-versi tal-Omaggio li kien iżżanżan fil-Katidral tal-Imdina.

Fl-istess sena, wara kważi ħames snin ta’ Presidenza, flimkien ma’ Josef Schembri, Alexander Caruana beda jipprova jaqta’ xewqa oħra ta’ bosta membri tas-soċjetà, dik illi l-Banda Birżebbuġa jkollha fl-arkivji rikki tagħha oratorio ad unur San Pietru Appostlu.Fil-fatt, kienu diġà saru diskussjonijiet mal-kompożitur Ray Sciberras u mal-awtur Sebastian Saliba, imma fondi għal proġett kbir bħal dan kien għad ma hemmx. Wara ħafna sottomissjonijiet ta’ applikazzjonijiet, fl-aħħar, applikazzjoni minnhom għaddiet, u b’hekk is-soċjetà kienet ser tibbenefika minn fond tal-Kunsill Malti għall-Arti bi sħab mal-Għaqda Każini tal-Banda sabiex tikkummissjona dan l-oratorio. L-oratorio kellu jissemma “Divo Petro”. Ix-xogħol kollu tlesta f’April 2020 waqt l-eqqel tal-pandemija Covid 19. L-għan tas-soċjetà kien illi l-oratorio jiġi esegwit għall-ewwel darba fis-7 ta’ Novembru 2020 fil-Katidral Metropolitan tal-Imdina, madankollu wieħed dejjem irid jara kif se tiżvolġi s-sitwazzjoni relatata mal-pandemija.

Proġett kbir ieħor kien ir-rinovar tas-sular t’isfel tal-każin illi nbeda meta l-każin kien magħluq fi żmien il-pandemija. Ix-xogħol qed isir minn bosta voluntiera mmexxija minn Steve Briffa u Jason Vella. Qed isiru wkoll żewġ pitturi għaż-żewġ intrati mill-artist Għawdxi Josef Camilleri. Il-Kummissjoni Tisbiħ tal-Każin qed tisponsorja dawn il-pitturi flimkien ma’ sett pitturi oħra li qed jitpoġġew fis-sala prinċipali tal-każin. Huwa ppjanat ukoll illi jsiru erba’ lapidi oħra, tal-Presidenti, Segretarji, Teżoriera u Surmastrijiet Diretturi tas-soċjetà. Dawn il-proġetti huwa ttamat illi jiġu inawgurati fiż-żmien illi ġej mill-ET Dr George Vella, il-President ta’ Malta. Saru wkoll żewġ niċeċ ġodda fis-sular ta’ isfel tal-każin, waħda għall-istatwa ta’ San Pietru Appostlu u oħra għall-istatwa ta’ Kristu Irxoxt, żewġ statwi li ġew restawrati mill-artist Aaron Camilleri Cauchi bi skema ta’ fondi Ewropej.

Ma nistgħux ma nsemmux ix-xogħol kbir illi dejjem jagħmlu d-dilettanti tan-nar fi ħdan is-soċjetà magħġquda taħt l-isem ta’ Għaqda tan-Nar 22 ta’ Frar, speċjalment fl-ispettaklu tal-logħob tan-nar tal-art illi jsir Lejlet il-Festa.

Bħalissa, is-Soċjetà Filarmonika San Pietru qed taħdem fuq proġett li bbenefikat mill iskema “Achievers” fejn fost l-oħrajn, il-Banda Birżebbuġa se tkun qed tagħmel ir-raba’ ġita tagħha barra minn xtutna, din id-darba f’Ruva di Puglia, l-Italja t’isfel.

Ta’ min isemmi wkoll illi f’Diċembru 2019, is-soċjetà ħatret lil Mro. Christopher Bonnci bħala l-Assistent Surmast Direttur wara r riżenja ta’ Mro. Charles Wallace Suda li ddeċieda li jirtira minħabba l-età. Christopher Bonnici qed jgħallem ukoll it-Teorija Mużikali lill-istudenti tas-soċjetà filwaqt illi jressaqhom għall-eżamijiet tal-London College of Music. Huwa nħatar għalliem tat-Teorija fl-2018 wara li Mro. Robert Magro, l-ewwel għalliem ta’ dan il-proġett kellu jħalli postu minħabba impenji oħra. F’Diċembru 2019, is-soċjetà ħatret ukoll lil Mro. Ludwig Noel Desira bħala l-Għalliem tal-Istrumenti tal-Injam, u ssuċċeda wkoll lil Mro. Charles Wallace Suda. Matul dan iż-żmien kienu qed isiru taħdidiet mas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija taż-Żebbuġ Għawdex biex il-Banda Birżebbuġa tmur iddoqq fiż-Żebbuġ Għawdex. Dan is-servizz kellu jsir għall-ewwel darba fis-sena 2020, madankollu minħabba l-pandemija tħassru l-festi u għalhekk nittamaw li s-soċjetà tkun tista’ tibda tonora dan l-impenn mis-sena 2021.

Bħalissa wkoll qed tinkiteb fi ktieb l-istorja tas-soċjetà minn Christopher Bonnici, proġett ieħor li hu parti minn proġett ieħor kofinanzjat minn fondi Ewropej.

Hawnhekk tajna ħarsa biss lejn l-iktar mumenti sinifikanti tas-soċjetà. Ma ninsewx ix-xogħol bla waqfien li jibqa’ għaddej matul sena u li jsir ta’ kull sena; l-attivitajiet li jieħdu ħsieb jorganizzaw il-Kummissjonijiet (kemm bħala ġbir ta’ fondi, kif ukoll l-attivitajiet tal-Milied, tal-Karnival u l-bqija), il-publikazzjonijiet kollha tal-Bord Editorjali, is-sagrifiċċju li l-Għaqda 22 ta’ Frar tagħmel matul is-sena, ix-xogħol kontinwu tal-Kumitat Eżekuttiv – minbarra x-xogħol fiżiku u l-ħin li dan jieħu fil-każin. Ma ninsewx il-laqgħat u d-diskussjonijiet twal illi jsiru – dejjem bil-għan illi s-soċjetà tkompli tagħmel il-progress. Barra minn dawn in-nies kollha hemm dawk il-membri u persuni li jagħtu daqqa t’id kull meta jkun hemm bżonn, u ovvjament, ma nistgħux ma napprezzawx il-kontribuzzjonijet finanzjarji, illi sfortunatament huma important immens għall-każin.

Iżda jkun żbaljat min jaħseb li forsi lħaqna s-sema b’idejna! It-triq quddiemna hija twila u x-xogħol huwa iebes. Iżda l-futur għal din il-banda huwa wieħed sabiħ u ċert. Xhieda ta’ dan huwa n-numru sabiħ ta’ żgħażagħ illi jiffrekwentaw il-każin u jgħinu lis-soċjetà. Iżda bla dubju ta' xejn, is-suċċess enormi li kisbet is-Soċjetà Filarmonika San Pietru Banda Birżebbuġa A.D. 1990 matul dawn is-snin tafu lid-diversi benefatturi u volontiera li taw sehemhom f’din il-mixja glorjuża. Minn qalbna – grazzi.

copyright Soc Fil San Pietru 2014 designed & created by eosArtscopyrightlegal disclaimerprivacy policy cms